Navigation Area:

Service Navigation:

Banner

TRUCK TOUR 2008

You are here:

>Daħla


Content Area:


Materjali ġodda fuq l-internet għal “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.”

Xi pubblikazzjonijiet ġodda li nħadmu għall-kampanja “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni” issa jinsabu f’forma elettronika fuq l-internet fit-23 lingwa tal-UE.

Dawn il-materjali jikkonsistu f’:

Fuljetti indirizzati lejn impjegati, żgħażagħ u dawk li jħaddmu;

Posters indirizzati lejn impjegati u żgħażagħ;

Preżentazzjoni dwar id-diskriminazzjoni u l-liġijiet tal-UE li jeżistu biex jiġġieldu kontriha li jistgħu jintużaw bħala għajnuna għat-taħriġ;

Kwiżż li juża mistoqsijiet diversi għażliet ta’ tweġibiet biex jispjega l-liġijiet tal-UE ta’ kontra d-diskriminazzjoni, u eżempji ta’ sitwazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol biex jittestja x’jafu u x’jifhmu l-parteċipanti.

Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u l-Transfobija, 17 ta’ Mejju

Il-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija (IDAHO) issejjaħ biex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-persuni ta’ kull orjentazzjoni sesswali u biex jintemmu d-diskriminazzjoni u l-vjolenza omofobiċi. Kull sena dan il-Jum jiffoka fuq kwistjoni speċifika sabiex jagħtiha aktar attenzjoni pubblika, politika u fil-mezzi tax-xandir. Fl-2009 it-tema ser tkun it-transfobija: Diskriminazzjoni kontra t-transsesswalità u persuni transsesswali jew transġeneri.

Kampanji u avveniment iseħħu fis-17 ta’ Mejju jew qrib din id-data kull sena madwar id-dinja. Aktar dettalji jinsabu fuq il-websajt tal-IDAHO.

Attivitajiet li qed jiġu organizzati fl-Ewropa din is-sena jinkludu it-tieni lekċer annwali tal-IDAHO organizzata fl-14 ta’ Mejju minn ILGA-Europe – ir-Reġjun Ewropew tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transsesswali u Intersesswali. Il-lekċer ser tkun dwar is-suġġett ta’ vjolenza omofobika u transfobika u timmira li tesplora liema passi għandhom jittieħdu mill-UE biex tindirizza din il-problema. 

Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija 2009

ILGA-Europe

Il-Jum Ewropew dwar is-Solidarjetà u l-Kooperazzjoni bejn il-Ġenerazzjonijiet 29 ta’ April

Dan l-ewwel Jum Ewropew dwar is-Solidarjetà u l-Kooperazzjoni bejn il-Ġenerazzjonijiet jimmira li jgħin fit-tkabbir tal-fehim bejn żgħażagħ u persuni akbar fl-età billi jipprovdi opportunità għaż-żewġ gruppi li jiltaqgħu u jiskambjaw l-esperjenzi u l-ħiliet tagħhom. Għal dan il-għan, alleanza ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), inkluż AGE, il-Pjattaforma Ewropea ta’ Nies Anzjani u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (YFJ), ilhom jaħdmu flimkien biex iħeġġu lil gruppi jaħdmu ma’ ġenerazzjonijiet differenti madwar l-Ewropa sabiex jorganizzaw l-attivitajiet konġunti tagħhom madwar dan il-jum ġdid Ewropew.  Informazzjoni dwar dawn l-avvenimenti interattivi hija disponibbli fuq il-website tal-AGE.

Il-kampanja “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.” sejra tappoġġja l-Jum Ewropew billi tipproduċi stqarrija għall-istampa fuq vidjo għall-ġurnalisti dwar is-Solidarjetà Interġenerazzjonali li sejra tkun disponibbli għall-wiri fuq din il-website f’Mejju.

AGE, il-website tal-Pjattaforma Ewropea ta’ Nies Anzjani

Rebbieħa tal-Ġurnalista Politika Mara tas-Sena 2009

Il-ġurnalista u l-esperta fuq kwistjonijiet relatati mas-sessi Lesley Abdela ġiet ivvutata bħala l-Ġurnalista Politika Mara tas-Sena 2009 fil-Premjijiet għan-Nisa fil-Ħajja Pubblika tar-Renju Unit. Issa fit-tielet sena tagħhom, il-premjijiet jonoraw mexxejja nisa fis-soċjetà u jfittxu li jirrikonoxxu u jippromwovu x-xogħol tan-nisa fil-politika, fin-negozju, fis-servizz ċivili u fit-tmexxija tal-komunità. Il-premju ta’ Lesley jingħata lill-aktar ġurnalista mara influwenti identifikata bħala li għandha influwenza fuq l-emfażi u l-fehim ta’ kwistjonijiet politiċi tul is-sena kollha. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-website tal-Premjijiet tan-Nisa fil-Ħajja Pubblika.

Premjijiet tan-Nisa fil-Ħajja Pubblika

Newsletter Ġdida dwar Waqqaf id-Diskriminazzjoni ppubblikata

Ippubblikata kull tliet xhur fl-2009, l-ewwel newsletter ta’ Waqqaf id-Diskriminazzjoni tas-sena tiffoka fuq il-midja. F’din il-ħarġa, sejrin nitkellmu ma’ ġurnalisti li jiktbu fuq id-diskriminazzjoni u ma’ attivista ewlieni tar-Roma dwar kif kwistjonijiet tar-Roma jiġu indirizzati fil-mezzi tax-xandir. Sejrin nagħtuk ħarsa ġenerali lejn l-ewwel Jum Ewropew dwar is-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, u sejrin nemfasizzaw l-istorja ta’ persuna li sofriet minn diskriminazzjoni. Sejjer ikollok l-opportunità wkoll li ssir taf aktar dwar kif tagħraf diskriminazzjoni, kif ukoll li titgħallem dwar xi għodod ġodda mfasslin biex jgħinu lill-impjegaturi.

In-newsletter hija disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u biċ-Ċek.

 

In-Newsletter Waqqaf id-Diskriminazzjoni
Ħarġa 1– April 2009


 

Il-Jum Internazzjonali tar-Roma 8 ta’ April

Il-Jum Internazzjonali tar-Roma jiċċelebra l-identità tar-Roma (kultura, lingwa u tradizzjonijiet) u jimmira li jqajjem għarfien dwar il-problemi li jħabbtu wiċċhom ir-Roma permezz tal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet u avvenimenti madwar id-dinja. Madwar 10 miljun Roma jgħixu fl-UE fejn ta’ spiss isofru minn vjolenza, diskorsi ta’ mibgħeda u diskriminazzjoni razzista fl-aċċess għal impjiegi, edukazzjoni, kura tas-saħħa u servizzi pubbliċi u soċjali. Din id-diskriminazzjoni hija mifruxa sewwa, bi stħarriġ (stħarriġ tal-Ewrobarometru 296) fl-2008 juri li madwar kwart mill-Ewropej kollha jħossuhom skomdi li jkollhom Roma bħala ġarr tagħhom. 

Aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa hija disponibbli fuq il-website tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Informazzjoni dwar ir-Roma (ERIO). Tista’ taqra wkoll l-intervista tagħna mad-Direttur Eżekuttiv tal-ERIO Ivan Ivanov fl-aktar ħarġa reċenti tan-Newsletter Waqqaf id-Diskriminazzjoni.

Il-website tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Informazzjoni dwar ir-Roma (ERIO)

L-Istħarriġ tal-Ewrobarometru 296 dwar id-diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Perċezzjonijiet, esperjenzi u attitudnijiet (Lulju 2008)

Il-Ġurnata Internazzjonali kontra d-Diskriminazzjoni Razzista 21 ta’ Marzu

ILGA world conference -  logo

Kull sena, organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali jorganizzaw avvenimenti madwar il-21 ta’ Marzu bil-għan li jqajjmu kuxjenza pubblika dwar il-perikli rrappreżentati mir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza.

UNITED, in-Netwerk Ewropew kontra n-nazzjonaliżmu, ir-razziżmu, il-faxxiżmu u li jappoġġja lill-immigranti u lir-refuġjati, qiegħed jorganizza ġimgħa ta’ azzjoni dwar ir-razziżmu b’avvenimenti organizzati madwar l-Ewropa kollha.

Membri tan-Netwerk Ewropew Kontra r-Razziżmu (ENAR) huma attivi wkoll b’avvenimenti li qegħdin isiru bħal serje ta’ attivitajiet kontra r-razziżmu (“La Semaine d’actions contre le racisme”) organizzata mid-19-29 ta’ Marzu fil-Belġju li jinkludu wirja, wiri ta’ films, kummiedja, dibattiti, animazzjoni u prestazzjonijiet mużikali.

Website ta’ UNITED

Website tal-ENAR

“La Semaine d’actions contre le racisme”

Kampanja Ġdida dwar id-Diskrepanza fil-Pagi Bejn in-Nisa u l-Irġiel

Madwar l-Ewropa, bħala medja, in-nisa jaqilgħu 17 % inqas mill-irġiel u f’xi pajjiżi, id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel qiegħda tiżdied.

Biex tiġġieled id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi li għadhom preżenti fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal din id-differenza fl-introjtu bejn in-nisa u l-irġiel, fit-3 ta’ Marzu l-Kummissjoni Ewropea nediet kampanja ta’ informazzjoni ġdida.

Jekk tixtieq issir taf aktar dwar id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE, issa hawn fuljetti, powsters, preżentazzjonijiet bil-PowerPoint u klipps ta’ videos disponibbli online.

Il-kampanja l-ġdida tnediet ftit jiem qabel il-Jum Internazzjonali tal-Mara fit-8 ta’ Marzu, li fiha qegħdin jiġu organizzati mijiet ta’ avvenimenti minn organizzazzjonijiet, gvernijiet u gruppi għan-nisa minn madwar id-dinja biex jiġu ċċelebrati s-suċċessi ekonomiċi, politiċi u soċjali tan-nisa. Stabbilita fl-1911, it-tema tal-Jum 2009 hija “In-nisa u l-irġiel magħqudin biex itemmu l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet”.

 

 

 

Il-kampanja Diskrepanza fil-Pagi Bejn in-Nisa u l-Irġiel

Jum Internazzjonali tal-Mara

Ir-Rebbieħa tal-Premju għall-Ġurnalisti 2008

Għandna l-pjaċir inħabbru r-rebbieħa nazzjonali u Ewropej tal-Premju għall-Ġurnalisti 2008!

Ir-rebbieħa nazzjonali u r-rebbieħa tal-Premju Speċjali dwar ir-Roma fuq livell nazzjonali ntgħażlu minn ġuriji magħmula minn esperti li jaħdmu fil-qasam tad-diskriminazzjoni u d-diversità u minn ġurnalisti magħrufin sewwa f’kull Stat Membru tal-UE fl-aħħar tal-2008.

L-applikazzjonijiet li ntgħażlu ġew imbagħad evalwati minn ġurija Ewropea, inklużi esperti Ewropej fil-qasam tad-diskriminazzjoni u d-diversità u professjonisti tal-midja, li għażlu r-rebbieħa totali, ir-runner-up, u r-rebbieħ tal-Premju Speċjali dwar ir-Roma fuq livell Ewropew.

Dawn ir-rebbieħa rċevew il-premjijiet tagħhom waqt ċerimonja tal-premjijiet li għaliha attenda Vladimír Špidla, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali li saret fi Praga, ir-Repubblika Ċeka nhar il-5 ta’ Frar 2009.

Il-Premju għall-Ġurnalisti 2009 ser jiġi mniedi fix-xhur li ġejjin b’aktar informazzjoni tkun disponibbli dalwaqt fuq il-websajt ‘Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.’.

Il-Premju għall-Ġurnalisti 2009 ser jiġi mniedi fix-xhur li ġejjin b’aktar informazzjoni tkun disponibbli dalwaqt. 

Ibgħat l-avveniment tiegħek fil-kalendarju ta’ Waqqaf id-Diskriminazzjoni

Jekk qiegħed torganizza avveniment relatat mad-diskriminazzjoni jew mad-diversità inti mistieden tinkludih fil-kalendarju ta’ l-avvenimenti.

Biex tinkludi l-avveniment tiegħek, mur fil-paġna tal-kalendarju u daħħal id-dettalji, bħall-organizzatur, it-tip ta’ avveniment u deskrizzjoni ta’ l-attivitajiet. Imbagħad l-avveniment tiegħek jidher fuq il-website tal-kampanja, li huwa f’bosta lingwi, u li jżuruh nies mill-Ewropa kollha.

Biex tara avvenimenti fil-kalendarju, inti tista’ jew tfittex skond il-pajjiż, permezz tal-menu ‘drop-down’, jew għal lista sħiħa ta’ l-avvenimenti li jseħħu madwar l-UE, agħżel ‘il-pajjiżi kollha’.

 

Kalendarju ta’ l-Avvenimenti