Main Menu:
- Politika ta’ l-UE

- Gwida Waqqaf id-Diskriminazzjoni

- Il-Kampanja

- Attivitajiet u Avvenimenti

- Stampa

- Librerija ta’ Dokumenti

- Tagħrif Nazzjonali
Banner
You are here:
Content Area:
Il-Kampanja
Il-kampanja ta’ informazzjoni “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.” hija mmexxija mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs tal-Kummissjoni Ewropea. Hija ffinanzjata permezz ta’ PROGRESS, il-programm ta’ l-UE għall-impjiegi u s-solidarjetà soċjali.
Il-kampanja taħdem fis-27 Stat Membru kollha ta’ l-UE biex tqajjem kuxjenza dwar id-diskriminazzjoni, u l-leġiżlazzjoni li teżisti biex tikkumbattiha, kif ukoll biex tippromwovi l-benefiċċji tad-diversità.
Il-kampanja taħdem biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika ta’ persuna fl-oqsma kollha tal-ħajja (li hija ddikjarata illegali skond id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, 2000) u fuq l-età, diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali u r-reliġjon jew twemmin fuq il-post tax-xogħol (li hija illegali grazzi għad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, 2000). Il-miżuri li jikkumbattu d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ta’ persuna huma koperti minn inizjattivi oħrajn ta’ l-UE ffinanzjati permezz ta’ PROGRESS.
Attivitajiet fl-2008
L-attivitajiet tal-kampanja fl-2008 jinkludu t-tur bi trakk ‘Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.’, li ser iżur għaxar Stati Membri ta’ l-UE: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakja u s-Slovenja. F’kull waqfa, l-attivitajiet, li jinkludu dibattiti, kwiżżijiet, wirjiet ta’ pitturi u mużika, ser ilaqqgħu flimkien negozji, NGOs, mużiċisti, artisti u l-pubbliku ġenerali biex jesploraw kwistjonijiet ta’ diversità u diskriminazzjoni.
Il-Premju għall-Ġurnalisti jirritorna wkoll fl-2008. Issa, fil-ħames sena tiegħu, il-premju jonora ġurnalisti fl-UE li, permezz tal-ħidma tagħhom, jikkontribwixxu għal fehim pubbliku aħjar tal-benefiċċji tad-diversità u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Il-kompetizzjoni ta’ din is-sena ser tinkludi fokus speċjali fuq ir-Roma bħala komunità li ta’ spiss isofru minn vjolenza razzjali, diskors ta’ mibegħda u diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, u s-servizzi pubbliċi u soċjali.
Ħidma ma’ l-NGOs, negozji u gvernijiet
Sabiex il-kampanja tkun effettiva f’kull parti ta’ l-UE, hija kkoordinata permezz ta’ struttura unika li tlaqqa’ flimkien esperti tad-diskriminazzjoni minn organizzazzjonijiet u setturi differenti fis-27 Stat Membru kollha ta’ l-UE.
Din l-istruttura tinkludi:
• Gruppi f’kull pajjiż magħmula minn partijiet interessati li jaħdmu fi kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), assoċjazzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu n-nies u ministeri nazzjonali, li jipprovdu input fuq l-attivitajiet tal-kampanja
• Netwerk ta’ persuni ta’ kuntatt nazzjonali li jgħinu fil-ġbir ta' l-informazzjoni u jiffaċilitaw dawn il-gruppi
• Grupp fuq livell Ewropew li jirrappreżenta l-opinjonijiet ta’ netwerks ta’ NGOs, organizzazzjonijiet ta’ negozju u ministeri nazzjonali u jipprovdi direzzjoni ġenerali għall-kampanja.
Billi tlaqqa’ flimkien lil rappreżentanti minn NGOs li jaħdmu fil-ħames bażijiet differenti għad-diskriminazzjoni indirizzati mill-kampanja, organizzazzjonijiet ta’ negozju, assoċjazzjonijiet ta’ l-impjegati u ta’ dawk li jħaddmu, trejdunjins, u ministeri nazzjonali, il-kampanja tista’ tiġbor tagħrif u tibbenifika mill-kompetenzi ta’ firxa wiesgħa ta’ nies li jaħdmu madwar l-UE.
Għal aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-kampanja f’pajjiżek, jekk jogħġbok ara l-paġni ta’ l-informazzjoni nazzjonali. Għal aktar mistoqsijiet dwar il-kampanja, jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim tal-kampanja.
L-Istorja
Sa mit-tnedija tagħha fl-2003, il-kampanja laqqgħet flimkien madwar 500 organizzazzjoni, u organizzat mijiet ta’ attivitajiet li jinkludu premju annwali għall-ġurnalisti, it-tur bi trakk li jsir ta’ kull sena li żar 78 belt fis-27 Stat Membru kollha ta’ l-UE, kompetizzjonijiet ta' posters u ritratti, avvenimenti sportivi, konferenzi u seminars ta’ taħriġ u kooperazzjoni b'suċċess ma’ l-istazzjon tal-mużika MTV.
Għal aktar tagħrif dwar attivitajiet preċedenti, jekk jogħġbok ara l-fuljett ‘5 snin ta’ tqajjim ta’ kuxjenza fl-Unjoni Ewropea, il-kampanja ta’ informazzjoni “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni”’.



